Nagħmlulek il-vjaġġ tiegħek possibbli

Jekk tkun teħtieġ għajnuna speċjali qabel it-titjira jew matulha, inkella fl-ajruport tad-destinazzjoni tiegħek, aħna lesti ngħinuk. F'din it-taqsima ssib kulma teħtieġ ħalli ssiefer bla problemi.

Passiġġieri b’nuqqas ta’ mobbiltà

Teħtieġ l-assistenza biex timbarka t-titjira jew għat-trasport tas-siġġu tar-roti/mezzi oħra ta’ mobbiltà?

Passiġġieri bi bżonnijiet mediċi

Jekk teħtieġ li ġġorr xi apparat speċjali jew mediċina, aqra l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvjaġġa.

Tivvjaġġa waqt it-tqala

Skopri iktar dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà għan-nisa tqal fit-titjiriet tagħna.

Il-Klieb għall-Assistenza

Il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-klieb-gwida milqugħin fit-titjiriet tagħna.

Esplora l-Mistoqsijiet Frekwenti, tkellem mal-assistent virtwali tagħna jew aqbad ma’ Aġent Dirett, u sib iktar mezzi biex tikkuntattjana.
Iċ-Ċentru għall-Appoġġ tal-Klijent
Żur

Passiġġieri b’Nuqqas ta’ Mobbiltà

  • L-ekwipaġġ tagħna lest jassistik fil-ħtiġijiet tiegħek ta’ mobbiltà. Jekk inti ma tistax tivvjaġġa b’mod indipendenti, ikun jeħtiġilna li passiġġier ieħor jivvjaġġa miegħek. Dan jiżgura li inti ssib l-għajnuna u l-appoġġ minnufih, u s-sigurtà tiegħek u ta’ passiġġieri oħra f’emerġenzi ma jixxekklux.

Jekk tkun teħtieġ siġġu tar-roti jew mezz ieħor ta’ mobbiltà, jekk jogħġbok ara hawn taħt it-tliet servizzi differenti li nipprovdu aħna:

 

Id-Dettalji

 

 Dwar it-Tip

 

 WCHR

Assistenza bis-siġġu tar-roti għall-passiġġieri li jistgħu jitilgħu t-taraġ iżda jeħtieġu l-assistenza fit-terminal.

 

 WCHS

Assistenza bis-siġġu tar-roti bis-servizz tal-ambulift, rakkomandat għall-passiġġieri li jsibu diffikultà biex jitilgħu u jinżlu t-taraġ.

 

 WCHC

Assistenza sħiħa bis-siġġu tar-roti għall-passiġġieri immobbli li ma jistgħux jimxu sal-post tagħhom abbord. Il-passiġġieri jafu jintalbu jippreżentaw il-Formola Medika bl-Informazzjoni  (MEDIF) għall-approvazzjoni mill-ispeċjalist tal-avjazzjoni tal-linja tal-ajru.

 

Jekk teħtieġ li tibbukkja għall-assistenza WCHR jew WCHS, is-servizz tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa disponibbli bla ħlas. Ikkuntattjana permezz għall-Appoġġ tal-Klijent tagħna fuq +356 2135 6000, lill-Uffiċċju tagħna għall-Bejgħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, jew lill-Aġent tal-Ivvjaġġar tiegħek għall-assistenza.

Jekk teħtieġ li tibbukkja għall-assistenza WCHC jekk jogħġbok ikkuntattjana b’email fuq [email protected] jew lid-Desk għall-Għajnuna Medika tagħna direttament fuq +356 2167 6763 għall-inqas 72 siegħa qabel it-titjira tiegħek, biex aħna nagħmlu l-arranġamenti neċessarji.

Jekk tuża l-krozzi jew mezzi oħra ta’ mobbiltà, tkun tista’ teħodhom miegħek abbord bla ħlas żejjed. Appena ssib triqtek lejn il-post ibbukkjat tiegħek, l-ekwipaġġ tal-kabina tagħna jkun jista’ jeħodhomlok biex jintrefgħu għall-bqija tat-titjira.

Jistgħu jiġu bbukkjati sa 2 biċċiet ta’ tagħmir ta’ mobbiltà għal kull persuna b’diżabbiltà jew persuna b’nuqqas ta’ mobbiltà.


Jekk ma tistax issib dak li qed tfittex, tiddejjaq xejn tikkuntattja direttament lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq +356 2167 6763 jew b’email fuq  [email protected]. Għal domandi ġenerali jew biex tikkuntattja liċ-Ċentru għall-Appoġġ tal-Klijent tagħna, jekk jogħġbok żur help.kmmaltairlines.com jew ċempel fuq +356 2135 6000.

Passiġġieri bi Bżonnijiet Mediċi

Jekk teħtieġ iġġorr xi tagħmir mediku jew mediċina, kun żgur li taf bl-informazzjoni neċessarja kollha biex tivvjaġġa.

Aħna dedikati biex niżguraw il-benessri u l-kumdità tal-passiġġieri bi bżonnijiet mediċi. Il-proċeduri tagħna dwar is-saħħa jipprijoritizzaw is-sigurtà tal-passiġġieri kollha, hekk li jitolbu minn dawk b’kundizzjonijiet speċifiċi biex jiksbu ċertifikat biex jistgħu jsiefru mingħand it-tabib mediku tagħna fuq  [email protected].

Għall-passiġġieri b’nuqqas ta’ mobbiltà, aħna nipprovdu għajnuna estensiva biex niżguraw li ssibu appoġġ kontinwu u livell ta’ servizz kif jixraq lill-ħtiġijiet tiegħek:

  • streċer jew inkubatur abbord l-ajruplan
  • ossiġnu abbord l-ajruplan
  • postijiet żejda biex persuna tkun tista’ televa riġlejha
  • appoġġ fiċ-ċaqliq minħabba xi marda serja jew f’każ li xi ħadd ikun weġġa’
  • appoġġ fit-tqala
  • l-użu ta’ tagħmir mediku ieħor.

Dejjem skont il-kundizzjoni medika, jaf ikun meħtieġ li l-passiġġieri jippreparaw il-Formola Medika bl-Informazzjoni (MEDIF), u jissottomettuha minn qabel il-vjaġġ għal reviżjoni u approvazzjoni min-naħa tagħna.

Il-passiġġieri li jġorru xi siringi mediċi bi preskrizzjoni medika valida jistgħu jġibu fil-kabina fil-basket tagħhom siringi diġà mimlijin bil-ħeparina ta’ piż molekulari baxx.

F’każijiet li jkun meħtieġ l-ossiġnu matul it-titjira, inkunu nistgħu nipprovdu numru limitat ta’ ossiġnu żejjed abbord. Jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Desk għall-Għajnuna Medika minn qabel fuq [email protected]. Kun af li l-ossiġnu żejjed iwassal għal ħlas ta’ miżata ta’ €115 kull titjira, li għandha titħallas bil-quddiem. Nirrakkomandaw li tikkuntattja lill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek jew lil min jipprovdilek il-kura tas-saħħa b’mod privat u titkellem magħhom dwar il-possibbiltà li dawn l-ispejjeż jiġu rimborsati.

Il-benessri tiegħek il-prijorità tagħna. Grazzi li tagħżel lilna għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tiegħek.


Jekk ma tistax issib dak li qed tfittex, tiddejjaq xejn tikkuntattja direttament lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq +356 2167 6763 jew b’email fuq [email protected]. Għal domandi ġenerali jew biex tikkuntattja liċ-Ċentru għall-Appoġġ tal-Klijent tagħna, jekk jogħġbok żur help.kmmaltairlines.com jew ċempel fuq +356 2135 6000.

Tivvjaġġa waqt it-Tqala

Il-kumdità u s-sigurtà tiegħek bħala mara tqila huma tabilħaqq importanti għalina. Dawn huma xi ftit regoli u linji gwida li fassalna biex niżguraw li jkollok titjira pjaċevoli tajba għal saħħtek.

ID-DOKUMENTAZZJONI

Biex tivvjaġġa magħna waqt it-tqala, inkunu neħtieġu ċertezza minn espert mediku dwar l-istat ta’ saħħtek. L-approvazzjoni li turi li inti tajba biex ittir issir billi jkollok id-dokumentazzjoni proprja u li din tippreżentaha mad-desks taċ-check-in tagħna. It-tip ta’ dokumentazzjoni meħtieġa tiddependi minn kemm it-tqala tiegħek hija avvanzata.

  • Inqas minn 28 ġimgħa tqala: inti tkun tista’ ttir magħna bla bżonn ta’ ebda dokumenti
  • Bejn 28 u 35 ġimgħa tqala: inti tkun teħtieġ tippreżenta ċertifikat mit-tabib mediku tiegħek li jistqarr li inti tajba biżżejjed biex ittir
  • Minn 36 ġimgħa tqala ’l quddiem: inti tkun teħtieġ approvazzjoni maħruġa mit-tabib mediku personali tal-KM Malta Airlines. Ikkuntattja lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq [email protected].

Jekk jogħġbok kun af li mhux rakkomandat li ttir meta tkun wasalt fis-36 ġimgħa tat-tqala tiegħek jew fi stadju aktar avvanzat.

IT-TRABI TAT-TWELID

Jekk it-tarbija tiegħek għadha ma twelditx fil-ħin li tkun qed tibbukkja, jekk jogħġbok tinkludix lit-tarbija fil-buking tiegħek f’dan il-waqt. Ġaladarba t-tarbija tkun twieldet, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Appoġġ tal-Klijent tagħna biex taġġorna l-buking tiegħek u inkludi lit-tarbija tiegħek fil-buking.

L-ivvjaġġar bl-ajru mhux rakkomandat għal trabi tat-twelid fl-ewwel sebat (7) ijiem wara t-twelid. Meta l-ivvjaġġar bl-ajru jkun neċessarju fl-ewwel sebat (7) ijiem jew f’każijiet b’raġunijiet mediċi, tkun teħtieġ l-approvazzjoni maħruġa mit-tabib mediku personali tal-KM Malta Airlines. Inti ġentilment tintalab tikkuntattja lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq [email protected] għal iktar informazzjoni.

Jinħareġ biljett għat-tarbija tat-twelid tiegħek u tkun teħtieġ tħallas in-nol kif applikabbli. It-trabi tat-twelid huma klassifikati bħala trabi (infants) u ma jokkupawx post fuq l-ajruplan. Għat-trabi hemm ħlas ta’ 10% tan-nol tal-adult. Agħfas hawn għal iktar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar bit-trabi u bit-tfal.


Jekk ma tistax issib dak li qed tfittex, tiddejjaq xejn tikkuntattja direttament lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq +356 2167 6763 jew b’email fuq [email protected]. Għal domandi ġenerali jew biex tikkuntattja liċ-Ċentru għall-Appoġġ tal-Klijent tagħna, jekk jogħġbok żur help.kmmaltairlines.com jew ċempel fuq +356 2135 6000.

Klieb għall-Assistenza

Jekk int jew passiġġier ieħor teħtieġu Kelb għall-Assistenza, merħba bikom biex iġġibuh abbord il-kabina taħt ċerti kundizzjonijiet minħabba passiġġieri oħra.

Il-kelb tiegħek għall-assistenza u neċessitajiet oħra (bħal kontenituri u ikel) jinġarru bla ħlas, apparti mit-tagħbija intitolata permessa.

Biex titlob dan is-servizz, ġentilment mitlub timla l-formola tal-Kelb għall-Assistenza, u tibgħatha lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq [email protected] għall-inqas 72 siegħa qabel it-titjira tiegħek. Il-membri tat-tim tagħna mbagħad jassistuk bl-applikazzjoni tiegħek u jikkonfermaw il-ġarr tal-kelb li jkun jassistik abbord.

Inti mitlub iżżomm miegħek kopja tal-applikazzjoni matul it-traġitt.


Jekk ma tistax issib dak li qed tfittex, tiddejjaq xejn tikkuntattja direttament lid-Desk tagħna għall-Għajnuna Medika fuq +356 2167 6763 jew b’email fuq  [email protected]. Għal domandi ġenerali jew biex tikkuntattja liċ-Ċentru għall-Appoġġ tal-Klijent tagħna, jekk jogħġbok żur help.kmmaltairlines.com jew ċempel fuq +356 2135 6000.

IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET

Dawn il-kundizzjonijiet huma ppubblikati f’konfroma mal-Artiklu 8.9 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Ġarr tal-KM Malta Airlines (Passiġġieri u Tagħbija) u huma skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 [1] u l-Linji Gwida Interpretattivi [2] maħruġa f’konforma magħhom. Dawn il-kundizzjonijiet huma suġġetti għal kwalunkwe leġislazzjoni applikabbli Ewropea jew nazzjonali fuq il-ġarr tal-annimali, inkluż imma mhux limitati għalih biss, ir-Regolament tal-Passaport tal-Annimali [3].

  1. Kelb għall-Assistenza Rikonoxxut li jkun tħarreġ speċifikament biex jassisti persuna diżabbli jew persuna b’nuqqas ta’ mobbiltà jista’ jinġarr fil-kabina tal-ajruplan bla spejjeż addizzjonali suġġett għall-proviżjonijiet li ġejjin:
    • Il-Kelb għall-Assistenza għandu jkun ġie speċifikament imħarreġ, assessjat u akkreditat għal din il-funzjoni minn organizzazzjoni li ssegwi l-kriterji sħaħ tas-sħubija tal-International Guide Dog Federation jew l-Assistance Dog International, il-korp li jakkredita lill-organizzazzjonijiet tal-klieb għall-assistenza mad-dinja kollha.
    • It-tipi ta’ Klieb għall-Assistenza Rikonoxxuti li ġejjin, kull każ b’evidenza permezz ta’ ċertifikat formali ta’ approvazzjoni, għandu jkun aċċettat abbord suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati kif ġej hawn:
      • Klieb-Gwida - jassistu lil persuni neqsin mid-dawl;
      • Klieb għas-Smigħ - jassistu lit-torox jew lil individwi neqsin mis-smigħ;
      • Klieb tas-Servizz - jassistu lil persuni b’diżabbiltà jew b’nuqqas ta’ mobbiltà għajr dawk b’nuqqas ta’ dawl jew smigħ. Huma jistgħu jitħarrġu biex jaħdmu ma’ nies li jużaw is-siġġijiet tar-roti elettriċi jew manwali, nies li għandhom problemi fil-bilanċ, dawk awtistiċi,  dawk li jeħtieġu twissija jew rispons meta jkun ġej attakk (seizure), dawk li jeħtieġu jitwissew dwar problemi mediċi bħaz-zokkor baxx fid-demm, jew dawk li għandhom diżabbiltajiet psikjatriċi.
    • Klieb oħra mhux imħarrġa skont il-kriterji msejsa mill-Assistance Dog International, għandhom, sakemm ma jimxux mal-kriterji tal-annimali li jinġarru fil-Kabina tal-Passiġġieri, jinħtieġu jivvjaġġaw fl-istiva, skont ir-rati applikabbli. Il-Kelb għall-Assistenza għandu jkun jappartjeni lill-persuna b’diżabbiltà li tkun qed tivvjaġġa jew lill-persuna b’nuqqas ta’ mobbiltà.
  2. Biex jinġarr kelb għall-assistenza fil-kabina għandha ssir talba lill-Appoġġ tal-Klijent tal-KM Malta Airlines għall-inqas 72 siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq tat-titjira. Fil-każ ta’ titjiriet lejn/mir-Renju Unit, tkun meħtieġa notifika minn 7 ijiem qabel. Din in-notifika għandna tkopri wkoll it-titjira tar-ritorn, ġaladarba l-ftehim tat-titjira ’l hinn u dik lura jkun sar mal-KM Malta Airlines. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li tiġi pprovduta assistenza xierqa.
  3. Id-dokumentazzjoni meħtieġa għall-Kelb għall-Assistenza tiegħek:
    • Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Appoġġ tal-Klijent tagħna fuq [email protected] għall-formoli neċessarji.
    • Kopja taċ-ċertifikat li turi li l-kelb ġie speċifikament imħarreġ, assessjat u akkreditat għal din il-funzjoni minn organizzazzjoni li ssegwi l-kriterji sħaħ tas-sħubija tal-International Guide Dog Federation jew l-Assistance Dog International, il-korp li jakkredita lill-organizzazzjonijiet għall-klieb għall-assistenza mad-dinja kollha.
    • Kopja tal-passaport Ewropew tal-kelb jekk il-kelb ikun joriġina minn pajjiż tal-UE, jew ċertifikat veterinarju uffiċjali għal klieb li jkollhom l-oriġini minn pajjiżi ’l barra mill-UE.
  4. L-għadd ta’ Klieb għall-Assistenza fil-kabina huwa limitat. Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-KM Malta Airlines għal iktar assistenza. Il-Klieb għall-Assistenza għandhom jiġu aċċettati fuq il-bażi ta’ jinqeda l-ewwel min jiġi l-ewwel. Kwalunkwe kelb, inklużi l-Annimali fil-Kabina (PETC), ikunu normalment akkomodati b’mill-inqas 10 fillieri ’l bogħod minn xulxin. Dawn ma jkunux impoġġija fl-istess filliera bħal fil-każ tat-trabi, sakemm ma jkunux qed jivvjaġġaw fl-istess grupp.
  5. Is-sid għandu jkollu miegħu harness għall-kelb u tagħmir ieħor jew ħwejjeġ bil-marka li tidentifikah bħala Kelb għall-Assistenza, u inċirata li tassorbi l-ilma flimkien mad-dokumentazzjoni kollha, li għandha tkun disponibbli bil-quddiem, biex jiżgura l-konferma tal-buking. Il-Kelb għall-Assistenza għandu jkun skont l-istandards kif imsemmija fl-istandards minimi għall-Klieb tal-Assistenza ADI fil-pubbliku.
  6. Is-sid għandu jiżgura li l-Kelb għall-Assistenza jkun nadif, miżmum sew, u ma jrejjaħx. Sabiex ikun jista’ jitħalla jivvjaġġa fil-kabina, huwa mandatorju li l-kelb ikun ubbidjenti u jġib ruħu kif jixraq (jiġifieri, ma jinbaħx, ma jirrabjax, ma jaqbiżx fuq in-nies jew annimali oħra, u/jew ma jagħmilx il-bżonnijiet tiegħu fiż-żona tal-gate jew fil-kabina, jew li b’xi mod joħloq xi kwistjoni ta’ saħħa jew sanità fit-titjira). Jekk l-annimal ma jġibx ruħu sew, sidu jista’ jintalab jorbotlu sarima għal tul it-traġitt jew inkella jkun ristett għall-istiva tal-ajruplan (jekk kaxxa apposta tkun disponibbli), jew il-ġarr jiġi rifjutat. (Għal din ir-raġuni, is-sid għandu jkollu s-sarima bil-lest).
  7. Il-ġarr tal-Klieb għall-Assistenza fil-kabina ma għandhomx ikunu permessi f’rotot li m’għandhomx l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti kemm fl-ajruport tat-tluq, fl-ajruport tal-wasla u, fejn ikun japplika, kif ukoll fl-ajruport li fih issir waqfa intermedja (sakemm il-passiġġier ma jkunx se jiżbarka fl-ewwel segment jew jimbarka fl-aħħar segment). Il-passiġġieri akkumpanjati mill-Klieb għall-Assistenza li jkunu se jivvjaġġaw minn jew lejn Malta jkunu jeħtieġu jinfurmaw bil-quddiem lill-uffiċċju veterinarju f’Malta qabel il-wasla tagħhom. Il-ġarr tal-Klieb għall-Assistenza lejn ir-Renju Unit għandu jkun kif preskritt mid-DEFRA.
  8. Il-KM Malta Airlines ma għandu jkollha l-ebda responsabbiltà fir-rigward tal-Klieb għall-Assistenza li ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji għall-ħruġ, id-dħul, is-saħħa jew dokumenti oħra fir-rigward ta’ dħul jew passaġġi ta’ annimali fi kwalunkwe pajjiż, stat jew teritorju (inkluż f’każ ta’ devjazzjoni jew waqfa f’ajruport fi stat differenti), u l-persuna li tkun akkumpanjata mill-Kelb għall-Assistenza jkollha tirrimborsa lill-KM Malta Airlines għal kwalunkwe multa, telfien jew responsabbiltà raġonevoli imposta jew maħluqa mill-KM Malta Airlines bħala riżultat ta’ hekk.
  9. Il-KM Malta Airlines iżżomm id-dritt li tirrifjuta l-ġarr tal-Klieb għall-Assistenza fil-kabina sabiex timxi mar-rekwiżiti applikabbli tas-sigurtà mwaqqfa bil-liġi, mill-awtoritajiet kompetenti, jew mill-KM Malta Airlines, jew meta d-daqs u l-konfigurazzjoni tal-ajruplan tagħmel il-ġarr tal-Kelb għall-Assistenza fil-kabina fiżikament impossibbli. Jekk isseħħ it-tali ċirkustanza, il-KM Malta Airlines għandha tipproponi alternattiva aċċettabbli lill-passiġġieri fil-kwistjoni, speċjalment li l-Kelb għall-Assistenza jinġarr fl-istiva tat-tagħbija-merkanzija. Inkella, il-passiġġier għandu jiġi offrut id-dritt li jkun rimborsat jew tibdil fir-rotta fuq servizzi oħra operati mill-KM Malta Airlines. Id-dritt għall-għażla ta’ titjira ta’ ritorn jew ta’ tibdil fir-rotta għandha sseħħ bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti kollha tas-sigurtà, dawk legali u dokumentarji jiġu segwiti.
  10. Dawn it-termini u l-kundizzjonijiet jgħoddu biss għat-titjiriet operati mill-KM Malta Airlines.
  11. It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jafu jkunu suġġetti għall-bidla minn żmien għal żmien b’notifika jew mingħajrha, u l-KM Malta Airlines ma tassumi l-ebda responsabbiltà għal dawn il-bidliet. Il-KM Malta Airlines iżżomm ukoll id-dritt li tinterpreta u tapplika dawn it-termini u l-kundizzjonijiet. F’kull każ, l-interpretazzjonijiet u l-applikazzjonijiet tal-KM Malta Airlines ikunu finali u konklużivi.

[1]  Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u persuni b’nuqqas ta’ mobbiltà meta jivvjaġġaw bl-ajru
[2]  Linji gwida interpretattivi fuq l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u persuni b’nuqqas ta’ mobbiltà meta jivvjaġġaw bl-ajru

[3]  Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE